> Is-Sajf u Xarabank...

mingħand Peppi nhar Il-Ġimgħa, 29 ta' Awwissu 2008

Niltaqa' man-nies u jgħiduli: "ISSA BREAK HUX?". Nifhimhom lil dawn in-nies għax la ma tkunx fix-xogħol tagħna mhux bilfors tapprezza ix-xogħol enormi li jinvolvi kull programm televiżiv. Fis-sajf in-nies kollha li jkunu qed jagħmlu l-programmi ikunu għaddejjin b'rittmu mgħaġġel jippreparaw. Kważi ngħid li aħna ta Xarabank nibqgħu għaddejjin qisna għadna għaddejjin bil-programm... allura x'qed nagħmlu?

Is-Sett:
Mis-sena l-ohra s-sett għallimna ħafna. Konna nniżżlu noti ta x'irridu nagħmlu din is-sena biex ikollna sett li jkun jista' jaqdi l-ħtiġijiet ta' Xarabank. Ilna xahar niddiskutu u nevalwaw ma' AV Plus dwar is-sett ta' Xarabank. Godwin minn AV Plus daħal b'ruħu u b'ġismu għal dan il-proġett. Samuel u Olwyn min-naħa tagħna qed jiltaqgħu mal-AV Plus kważi kuljum. Is-Sett se jkun magħmul minn partijiet li jistgħu jinbidlu skond in-natura tal-programm li nkunu se nagħmlu.

Is-Suġġetti:
Dan is-sajf, kif spiċċa l-aħħar programm ta' Xarabank, għamilna seminar u għixna flimkien bħala tim għal ġimgħa sħiħa. Kull ma għamilna kien li naħsbu u noħolqu. Għandna diġa' iktar suġġetti milli jista' jkollna programmi. Kif spiċċa s-seminar tlaqna naħdmu fuq dak li kien diskuss fis-seminar. Sa issa rnexxilna nagħmlu diversi ntervisti esklussivi. Bħalissa t-tim kollu għandu gruppi ta' nies li qed jiltaqa' magħhom. Nies ġodda li jitkellmu fuq diversi suġġetti. Jekk int interessat li din is-sena tiġi titkellem waqt Xarabank, tajjeb li ċċemplilna fuq 21249200 jew tista' tibgħatilna imejl (info@xarabank.com) - ser inkunu qed nistennewk, nieħdu gost jekk niltaqgħu miegħek u nitkellmu.

Promozzjoni:
Fl-ewwel xahar minn kif waqafna, ħdimna fuq 30 promo differenti dwar suġġetti varji. B'dawn il-promozzjonijiet in-nies jieħdu idea fuq x'hix ser niddiskutu din is-sena, u min ikun interessat ikun jista' jċemplilna biex niltaqgħu miegħu jew magħha.

Issa jmiss lilek li tibgħatilna s-suġġerimenti tiegħek... tgħidilna x'tixtieq tara diskuss waqt Xarabank... għidilna fuq liema programm tixtieq tiġi tesprimi ruħek - Nixtiequ ħafna niltaqgħu miegħek. Xarabank dejjem kien miftugħ għal suġġerimenti mingħand kulħadd, allura tiddejjaqx tibgħatilna x'taħseb...

Nispera ma ndumx ma nisma mingħandek
Peppi

Name * Comments *
Limit is 400 characters
Email
Comment Title *
Is-sistema l-gdida tat-traffiku fil-Belt.
Sur Azzopardi, Nixtieq li xi darba ittella programm fuq is-sistema li dahlet gol Belt sena u nofs ilu dwar it-traffiku u l-ipparkjar. Ahan r-residenti intlaqna hazin hafna u issa iktar ser issalbuna bir-regolamenti godda li ser jibdew minn ghadda l-1/9/08. Donnhom qed jaghmlu biex ahna r-residenti nohorgu mill-Belt Valletta. Minn ser jaqbes ghalina? Jehtieg li tella programm int. Grazzi Pauline
mingħand: Pauline Busuttil 31-08-2008 17:26:11
 
 
 
  Copyright © Where's Everybody?
  email: info@xarabank.com | tel: 21249200 - 27249200 | address: charles court, level 1, st.luke's road, g'mangia, malta