Għaddiet sena oħra... reġa' wasal il-Eurovision. Bħal kull sena t-tim ta' Xarabank jitla' jsegwi dak kollu li jkun qed jiġri. Din is-sena Xarabank ser jerġa' jagħmel diversi LINKS LIVE nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Din is-sena qegħdin Belgrad, is-Serbja.
Kull sena avventura differenti, u din is-sena xejn inqas. Wasalna Sofija, l-Bulgarija u krejna żewġ vannijiet għalina u għall-apparat... qbadna t-triq lejn il-fruntiera biex naqsmu lejn is-Serbja. Fl-aħħar wara ħafna, sibna l-highway, grazzi għaż-żewġ sewwieqa tagħna Ahar u Pablo, li minkejja li l-ewwel darba li saqu hawn, malajr qabdu r-ritmu u iva, la qed nikteb dan il-blog, wasalna qawwijin u sħaħ. Iżda ma nistax ma ninsiex meta waqqfuna fil-fruntiera u talbuna l-passaporti. Kellna kollox in order u ħsibna li kienet se tkun waqfa ta' ħames minuti... imma kien hemm xi problemi li ma qalulnix x'inhuma. Urejnihom il-press card biex forsi jgħaġġlu l-proċess, imma dan il-pass ma tantx kien f'waqtu għax kif indunaw li aħna ġurnalisti u camerapersons iktar żammewna, għal raġunijiet li ma fhimnihomx. Kważi ħadd ma jitkellem bl-ingliż u biex jifhmuk wedgħa. Wara ħafna ħallewna ngħaddu iżda bilfors riedu li jkollna skorta tal-pulizija. Għamilna erba' siegħat insuqu b'karozza tal-Pulizija quddiemna... e u kellhom is-sirena mixgħula ukoll. Ħassejtni aktar moħħi mistrieħ għax kont naf li żgur mhux ser nintilfu għalkemm kien hemm mumenti f'dan il-vjaġġ li ħsibt li qatt mhu ser naslu iżda għall-ħabta tas-sitta wasalna...
Insomma kien mingħalina li kienu s-sitta... fil-verita' kienu għadhom il-ħamsa ta' wara nofsinhar. Xi ħadd minn Malta qalilna li s-Serbja qegħdin siegħa l-quddiem minn Malta, u kulħadd dawwar l-arloġġ. Għalhekk kulma bdejna nagħmlu bdejna nkunu dejjem siegħa qabel. Per eżempju fit-tmienja u nofs ta' filgħaxija kellu jibda l-party ta' Malta. Meta morna hemm kien għad hemm Morena tagħmel ir-rehearsal u għidt "illl kemm se jkunu tard...". Fil-verita' aħna konna siegħa kmieni! U mhux aħna biss aħna biss ġralna hekk... imma anke omm u missier Morena... dalgħodu ndunaw. Bilħaqq omm u missier Morena ser ikunu magħna f'Xarabank mis-Serbja ukoll... nhar il-Ġimgħa.
Il-Party ta' Malta lbieraħ kien mhux ħażin għalkemm stennejt li jkun ħafna aħjar... naħseb ma tantx kien hemm PR għalih. Morena u ż-żeffiena għandhon show mill-isbaħ u l-ewwel darba li qed inħoss li għandna kważi kollox... għalfejn qed ngħid kważi? Mhux ħa ngħidilkom għalissa... ħa nħallu l-Ħamis jgħaddi u forsi ngħidilkom.
Il-festival tal-Eurovision nistieq li jiġi darbtejn fis-sena... darba biex niġi naħdem... u darb'oħra biex niġi bħala vakanza... imma le ta... darba biżżejjed...