Nieħdu gost ninnotaw li d-diskussjoni li nagħmlu f’Xarabank qed tibqa’ għaddejja wara l-programm f’bulettini tal-aħbarijiet, fil-gazzetti, fil-pjazez, fil-ħwienet u kullimkien. Wara kollox dak huwa l-iskop tagħna – li nixprunaw id-diskussjoni.
Kultant jistaqsuni “Għaliex fl-aħħar tal-programm ma jkunx hemm espert li jagħti ġudizzju dwar id-diskussjoni, mhux tħallu aktar mistoqsijiet milli tweġibiet?”. Nemmen li jekk nagħmlu hekk inkunu qed nilagħbuha ta’ prużuntużi, qisu għandna xi formola ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin, qisu qed niddeċiedu min għandu raġun u min għandu tort. Dan mhux l-iskop ta' Xarabank. Anzi, Xarabank għandu l-iskop li joħloq il-mistoqsija, li jqanqal diksussjoni li malli jispiċa Xarabank tibda u mhux tkun konkluża.
Uħud jgħidulna “Imma għala ma’ l-esperti jkollkom nies komuni. Dawk fiex jifhmu?” Din tweġġgħani. Għax tassew nemmnu li kulħadd għandu xi jgħid u li dak li jgħid dak jew dik ukoll għandu l-validita` tiegħu. Ovvja li tabib jista’ jgħid ħafna aktar dwar il-mard, iżda anke l-pazjent jista' jagħti xhiedha ta’ xi tfisser tkun marid u kif il-mediċina ħadmet fuqu. Is-soċjologu jista’ jitkellem fuq l-istudji li għamel dwar is-separazzjonijiet f’pajjiżna, iżda l-koppja li għaddiet mis-separazzjoni għandha ħafna xi tgħid wkoll. Xarabank iħallat l-espeti ma’ l-esperjenzi, iħallat l-opinjoni ta’ professjonisti, mar-rakkont ta’ dawk li għaddew minn xi ħaġa, iħallat u mit-taħlita titwieled mistoqsija li tkompli twelled aktar mistoqsijiet.
Kelli ħafna tensjoni meta fil-programm għall-ewwel darba iltaqgħu il-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni f’dibattitu bejniethom. Ħdimna biex dan id-dibatittu jkun ċivili u jkun dibattitu li jiġġieled l-argumenti u mhux lill-persuni. Naħseb li kien dibattitu ċivili li ddiskuta l-issues li verament qed jolqtlu lin-nies. Bħal f’kollox fil-ħajja, minn dan il-programm tgħallima wkoll u nħarsu ‘l quddiem biex ċertu żbalji ma jerġgħux isiru. Fosthom, li ħafna nies, bir-raġun, kienu iktar qed jistaqsu lill-Prim Ministru u allura kellu aktar xi jwieġeb. Il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll għażel li jagħmel il-mistoqsijiet lill-Prim Ministru kif kellu kull dritt jagħmel. F’dan il-kuntest, kienet ħaġa naturali li l-Prim Ministru jieħu aktar ħin mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ahna konna qed inżommu l-ħin u għalhekk meta fl-aħħar tal-programm iż-żewġ mexxejja kienu qed jikkonkludu, jiena għidt lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni biex ikompli ftit iktar għax kellu iktar ħin għad-dispożizzjoni tiegħu. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dan il-hin għazel li jużah biex fih jistaqsi mistoqsija oħra lill-Prim Ministru, din id-darba dwar id-divorzju. Dr. Muscat kellu kull dritt jagħmel hekk u sewwa għamel jekk ħass li kellu jagħmel hekk, iżda mbagħad aħna bil-fors kellna nħallu l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija qabel jibda l-konklużjoni tiegħu.
Għal darb’oħra qed naħsbu biex nużaw sistema li fiha naraw li l-ħin jinqasam b’mod kemm jista’ jkun preċiż bejn iż-żewġ kelliema. Diġa’ qabbadna lid-Dipartiment tal-IT biex jipprepara sistema li tagħtina ċ-ċans li nżommu l-istess ħin mingħajr ma nirrendu d-dibattitu robotizzat. Iż-żewġ kelliema jkollhom ħin allokat li jużawh kif iridu huma, li iżda jkollu minimu.
Sadanittant qed naħdmu fuq programmi oħra ferm interessanti, fosthom programm dwar il-prostituzzoni u l-industrija tas-sess f’pajjiżna. Għall-ewwel darba se jkollna intervista esklussiva ma’ prostituta Ukrena li tul il-programm kollu se tkun qed tiżvela dak kollu li jiġri f’Malta u dak kollu li jiġri fil-lukandi, fl-appartamenti, fit-toroq u fis-sodod fejn issir il-prostituzzjoni.
Grazzi ħafna tas-suġġerimenti u l-kritika tagħkom. Mingħandkom aħna nitgħallmu ħafna.